Qasam tat-Taħriġ fil-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim
Introduzzjoni għall-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim Definizzjoni u deskrizzjoni tal-għan tat-taħrig fil-Qasam tat-Tagħlim: |
Malta hija pajjiż bilingwali u l-Malti u l-Ingliż huma ż-żewġ lingwi uffiċjali li għandhom rwoli prominenti fit-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel. Il-Malti, apparti milli huwa wieħed mill-lingwi uffiċjali, huwa wkoll il-lingwa nazzjonali użata mill-maġġoranza tal-popolazzjoni, bl-Ingliż bħala t-tieni lingwa għall-biċċa l-kbira tan-nies, l-ewwel lingwa għal minoranza sinifikanti tal-popolazzjoni u l-lingwa barranija ewlenija għal għadd dejjem jiżdied ta' migranti mill-UE u mill-bqija tad-dinja. Hemm ukoll għadd ta' lingwi bħall-Franċiż, it-Taljan u l-Ġermaniż, li għandhom l-istatus ta' lingwi ‘barranin’. In-numru ta' siegħat iddedikati lejn it-tagħlim ta' kull lingwa hija riflessjoni ċara tal-istatus li jokkupaw iż-żewġ lingwi uffiċjali minn naħa u l-lingwi barranin min-naħa l-oħra.
It-tagħlim ta' lingwa ġdid jintroduċi lill-istudenti għal diversi kulturi u firxa ta' modi ta' espressjoni u komunikazzjoni ma' kelliema oħra ta' lingwi barranin f'kuntesti differenti. Dan itejjeb ukoll l-iżvilupp tal-litteriżmu kemm fil-lingwa/i uffiċjali kif ukoll fil-lingwa barranija. L-istudju ta' lingwa barranija jinvolvi t-tagħlim dwar kulturi ta' ħaddieħor u b'hekk l-istudenti jsiru ċittadini aktar tolleranti u moħħhom miftuħ u titnaqqas l-etnoċentriċità. Li jkunu jistgħu jikkomunikaw b'mod effettiv kemm bil-lingwi uffiċjali u kif ukoll b'lingwi barranin hija kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija u tipprovdi liż-żgħażagħ b'opportunitajiet biex itejbu l-impjegabilità tagħhom fin-negozju u d-divertiment permezz ta' ħiliet li jiksbu mit-tagħlim ta' lingwa barranija.
Il-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim għal-lingwi uffiċjali u barranin għandu l-għan li jiżgura li l-istudenti kollha jsiru kunfidenti u kompetenti fil-komunikazzjoni ma' kelliema tal-lingwa uffiċjali tagħhom u ta' lingwi oħra barranin. Meta jitgħallmu l-lingwi uffiċjali, il-ħtieġa li jiżviluppaw l-għarfien ta' metalingwa hija ta' importanza fundamentali. Karatteristika distintiva oħra tat-tagħlim tal-lingwi uffiċjali hija l-komponent tal-litteriżmu. Kemm il-Malti kif ukoll l-Ingliż għandhom komponent letterarju qawwi u l-letteratura u l-lingwa jistgħu jipprovdu interazzjoni dinamika li ssostni t-tagħlim tat-tnejn li huma matul l-edukazzjoni Primarja u Sekondarja. Il-letteratura tgħin lill-istudenti jikbru bħala individwi u membri tal-komunità umana. Barra minn hekk, l-involviment mal-estetika tal-espressjoni lingwistika ssaħħaħ l-għarfien, l-apprezzament u l-użu tal-lingwi uffiċjali tal-istudenti.
Il-lingwi li l-istudenti jitgħallmu l-iskola għandhom ikunu relevanti għall-ħajja preżenti u l-karrieri futuri tagħhom. Huma jipprogredixxu mill-użu ta' lingwaġġ sempliċi ċċentrat fuq sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet personali tagħhom għal strutturi aktar kumplessi tal-lingwa marbuta ma' varjetà ta' suġġetti li jirriflettu s-soċjetà u d-dinja inġenerali u li jistgħu jintużaw f'firxa wiesgħa ta' kuntesti u ma' udjenzi differenti. L-istudenti jitgħallmu l-lingwaġġ tad-deskrizzjoni, in-negozjar, id-diskussjoni, in-narrattiv, ir-rappurtar u l-preżentazzjoni, li jista' jiġi trasferit lejn il-post tax-xogħol wara li jitilqu mill-edukazzjoni obbligatorja. Huma jkunu jistgħu jużaw it-tempi differenti b'aktar preċiżjoni u juru l-ħiliet metakonjittivi tagħhom biex ikunu jistgħu jaraw il-konnessjonijiet bejn il-lingwi u jiżviluppaw il-ħiliet tas-soluzzjoni tal-problemi li jgħinhom jagħmlu aktar sens minn u jkunu kreattivi bil-lingwa.
L-istudenti jitgħallmu kif jittrasferixxu tagħlim preċedenti għal kuntesti ġodda u kif jindirizzaw l-isfidi tal-komunikazzjoni. L-istudenti jkabbru l-għarfien tal-pronunzja u sistemi tal-lingwa u jkunu kapaċi jidentifikaw xejriet fil-lingwa u l-pronunzja li jistgħu mbagħad jużaw biex jiżviluppaw it-tagħlim tal-lingwa b'mod indipendenti. L-istudenti juru l-progress tagħhom permezz ta' aktar kapaċità u preċiżjoni fl-erba' ħiliet: is-smigħ, it-taħdit, il-qari u l-kitba, hekk kif jiżviluppaw il-kompetenzi tal-komunikazzjoni f'livelli differenti. L-istudenti jkollhom l-opportunità jiżviluppaw riżorsa rikka ta' espressjonijiet lingwistiċi flimkien ma' fehim tal-istrutturi tal-lingwa biex ikunu jistgħu jiksbu kompetenza fil-komunikazzjoni.
|
Learning Area Outcomes: |
Inħossni kunfidenti meta nkun fil-klassi tal-lingwi u meta nkun qed nuża l-ħiliet tiegħi tal-lingwa. |
Nifhem l-importanza li nitkellem lingwa barranija u li t-tagħlim ta' lingwa differenti tixħet dawl fuq il-mod ta' ħajja ta' persuni oħra u kif jaħsbuha, u b'hekk napprezza d-differenzi u nirrikonoxxi x-xebh mal-istil ta' ħajja tiegħi. |
Nifhem u nuża l-lingwa biex nikkomunika informazzjoni u opinjonijiet fuq is-sitwazzjoni personali u l-ħajja ta' kuljum tiegħi u biex insir naf dwar ħaddieħor. |
Naf li lingwi differenti għandhom strutturi u regoli differenti u dan nista' nużah biex nibni espressjonijiet li għandhom sinifikat li jiżguraw li ninftiehem u li nifhem lil ħaddieħor. |
Kapaċi nuri fehim ta' xejriet tal-lingwa permezz tal-użu korrett tal-ġeneru, it-tempi, il-fehim, l-eċċezzjonijiet u markaturi grammatiċi oħra. |
Naf kif niffaċċja sfidi ta' komunikazzjoni b'lingwa oħra u kapaċi nuża tekniki u għodod biex ngħin il-fehim. |
Kapaċi nuri l-iżvilupp tal-ħiliet tas-smigħ billi ngħaddi mis-smigħ bħala għan uniku għal smigħ olisitiku u s-smigħ tal-kontenut għal smigħ ta' fehim usa'. |
Kapaċi nuri progress fil-ħiliet tas-smigħ billi ngħaddi mid-deċifrar ta' kummenti sempliċi, qosra u prevedibbli bi ftit distrazzjonijiet għall-wiri ta' fehim ta' kummenti itwal u anqas prevedibbli li jinvolvu strutturi ta' sentenzi u lingwaġġ kumpless b'aktar distrazzjonijiet. |
Kapaċi nuri progress fil-ħiliet tat-taħdit billi nieħu sehem f'interazzjoni soċjali u billi ma nibqax nuża lingwaġġ sempliċi f'kuntesti ppreparati prevedibbli, u nuri l-iżvilupp billi nersaq lejn komunikazzjoni ‘reali’ aktar kumplessa f'għadd ta' kuntesti. |
Kapaċi nuri l-iżvilupp tiegħi fil-ħiliet tal-qari billi ngħaddi mill-qari ta' sentenzi sempliċi b'enfasi unika fuq il-wiri tal-fehim ta' testi li fihom sentenzi kumplessi b'distrazzjonijiet u billi ngħaddi mill-interpetazzjoni ta' informazzjoni fattwali għall-fehim ta' materjal kumpless u aktar astratt. |
Kapaċi norganizza l-kitba tiegħi biex tkun koerenti u tesprimi l-ħsibijiet tiegħi f'manjiera ordnata u loġika. |
Kapaċi nuri l-iżvilupp tiegħi fil-ħiliet tal-kitba billi ngħaddi mill-kitba ta' sentenzi sempliċi li jużaw strutturi ta' lingwaġġ sempliċi għall-wiri ta' modi ta' espressjoni aktar kumplessi. |