Il-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim tal-Matematika għandu l-għan li jiżgura li l-istudenti kollha:
- Isiru kompetenti fil-prinċipji fundamentali tal-matematika permezz ta' prattika varjata u frekwenti bi problemi dejjem aktar kumplessi. Dan jippermetti lill-istudenti jiżviluppaw l-abilità li jiftakru l-fatti u japplikaw l-għarfien malajr u bi preċiżjoni.
- Jifhmu u jaħdmu kunċetti matematiċi billi jużaw approċċi varji. L-istudenti jirraġunaw matematikament billi jsegwu serje ta' mistoqsijiet, jispekulaw relazzjonijiet u ġeneralizzazzjonijiet u jiżviluppaw argument, ġustifikazzjoni jew prova permezz ta' lingwaġġ matematiku.
- Jaraw lilhom infushom bħala matematiċi, billi jkollhom il-kunfidenza u l-kapaċità jagħżlu u japplikaw l-għarfien u l-fehim tagħhom tal-matematika b'mod kreattiv u loġiku. Dan jippermetti lill-istudenti jsolvu problemi, jikkomunikaw u jirraġunaw f'varjetà ta' problemi ta' rutina u oħrajn mhux regolari b'aktar sofistikazzjoni, inkluż li jaqsmu l-problemi f'serje ta' passi aktar sempliċi waqt li jipperseveraw biex isibu soluzzjonijiet. L-istudenti jkunu jistgħu joħolqu mudelli, ibassru r-riżultati u jassessjaw ir-riskji.
- Japprezzaw kif l-użu immaġinattiv, innovattiv u effettiv tat-teknoloġiji diġitali jistgħu jtejbu l-fehim tagħhom ta' firxa wiesgħa ta' ħiliet u kunċetti matematiċi.
- Jifhmu l-utilità tal-matematika, kif ukoll in-natura estetika u intrinsika tagħha. Dan jippermetti lill-istudenti japprezzaw ir-relevanza tal-matematika fi ħdan il-kurrikulu u l-importanza tagħha bħala għodda biex issawwar il-fehim tagħna tad-dinja li ngħixu fiha.
- Huma mgħammra bil-kompetenzi matematiċi meħtieġa biex jaġixxu bħala ċittadini proattivi fid-dinja moderna.