Rispons
EN | MT  

Gwida għall-Edukaturi fuq il-Pedagoġija u l-Assessjar

Agħfas fuq l-icon t'hawn isfel biex tniżżel il-Gwida għall-Edukaturi fuq il-Pedagoġija u l-Assessjar






Il-Qasam tat-Tagħlim: Languages

Il-Malti > LEVEL 9





L-Aspett tas-Suġġett: It-Taħdit

1] Nitkellem b’kunfidenza, naddatta u nibdel il-mixja ta’ kliemi, ngħolli jew inbaxxi l-volum ta’ leħni, nartikula u nlissen sewwa l-kliem skont il-kuntest u l-għan tal-komunikazzjoni bħal meta nagħti taħdita jew preżentazzjoni. 
2] Nitkellem għal tul ta' ħin skont kif jitlob il-kuntest, bi stili u reġistri differenti, b'mod kunfidenti, ċar u xieraq f’okkażjonijiet formali/informali u soċjali bħal meta jkolli nippreżenta xi informazzjoni waqt xi laqgħa fl-iskola, fuq ix-xogħol, f’kumitati lokali.
3] Nagħmel talbiet u mistoqsijiet b'reqqa biex nikseb tagħrif iddettaljat bħal meta nitlob informazzjoni fuq suġġetti u proċessi ġodda  li jkunu jeħtieġu ammont konsiderevoli ta’ dettalji bħal meta ndaħħal applikazzjoni għal xogħol u d-dokumenti/il-formoli li nibgħat. 
4]  Nuża firxa wiesgħa ta’ lessiku u strutturi sintattiċi kumplessi biex nikkomunika kunċetti xjentifiċi, matematiċi u letterarji filwaqt li naddatta l-livell ta’ formalità tal-lingwa u l-istil tat-taħdit skont l-udjenza u l-kuntest. 
5] Nibni t-taħdit tiegħi b’mod strutturat billi nħaddem markaturi speċjali li jgħinu lis-semmiegħa jsegwu l-linja ta’ ħsieb tiegħi bħal bl-użu ta' kliem ċavetta, l-enfasi b'tonalitajiet u b'ġesti nonverbali, u l-bqija.
6] Nippreżenta t-tagħrif, ir-riċerka u l-ideat tiegħi f'ambjent li fih is-semmiegħa jkunu mistiedna u jħossuhom komdi li jistaqsuni biex niċċaralhom xi punti u hekk jifhmu aħjar.
 NITGĦALLEM NGĦIX MA' ĦADDIEĦOR
7] Nitkellem billi nuża testi b'reġistri differenti tal-Malti fosthom fuq oqsma tal-Matematika, il-Fiżika, il-Kimika, il-Bijoloġija, il-Ġeografija, l-Istudji Soċjali, l-Istorja, ir-Reliġjon, it-Teknoloġija tal-Informatika, ix-Xjenza Domestika, l-Arti, l-Edukazzjoni Fiżika u d-Disinn Teknoloġiku, l-Istudju fuq l-Iżvilupp Personali, id-Drama, l-Arti Espressiva u s-suġġetti vokazzjonali.
8] Nitkellem fuq persuni jew għaqdiet li għenu u taw kontribut f'oqsma varji biex il-Malti llum huwa lsien nazzjonali u uffiċjali ta' pajjiżna.  
9] Nitkellem wara li nkun irriċerkajt fuq il-kultura Maltija fil-kuntest ta' kulturi Mediterranji u Ewropej oħra. 
  IL-KOMUNIKAZZJONI GĦAD-DIVERSITÀ
10] Nagħti sehmi biex id-diskussjoni tiżvolġi kif mixtieq fejn fl-aħħar tagħha jinstabu soluzzjonijiet, isiru deċiżjonijiet u proposti maqbula u aċċettati minn kulħadd bħal diskussjonijiet b'temi serji u kunfliġġenti imma li jeħtieġu azzjoni bħal, ngħidu aħna, qbil fuq it-tindif tal-komun tal-blokka tagħkom; proposti fuq l-età tal-edukazzjoni obbligatorja; twaqqif ta’ politika fuq l-inklużjoni ta’ nies bi problemi ta’ droga/xorb fil-klabb sportiv tal-lokal. 
11] Nagħmel interventi u kontribuzzjonijiet siewja u f’waqthom biex niżblokka d-diskussjoni li tkun imwaħħla u ser tfalli. 
12] F'diskussjoni, nagħraf naddatta l-kontribut tiegħi skont il-ħtiġijiet tal-udjenza, il-kuntest, l-iskop u s-sitwazzjoni, skont it-temi u l-ambjenti differenti bħal meta niddiskuti ma' tal-familja, l-iskola u ma’ sħabi.
13] Nara li l-kontribut tiegħi f'diskussjoni jintrabat mat-tema diskussa, in-natura tal-grupp li qed jiddiskuti, il-grad t’urġenza f’dak li qed jiġi mitkellem u fatturi oħra, bħal meta nieħu sehem f’diskussjonijiet varji b’temi u f’ambjenti differenti bħal fil-każin tal-banda, fiċ-ċentru parrokkjali u l-klabb tal-futbol. 
14] Naf nuża l-frażijiet it-tajba biex nidħol u nintervjeni waqt diskussjoni u nibdel is-suġġett mingħajr ma niddomina.
15] Naddatta l-kontribuzzjonjiet tiegħi f'diskussjoni billi nikkunsidra l-kontenut, it-tul ta’ ħin u l-livell ta’ dettall li jixirqu ċirkustanzi differenti.
16] Insostni l-fehmiet u l-argumenti tiegħi b'punti sodi, validi u konvinċenti, b'evidenza b'saħħitha biex nikkonvinċi lill-oħrajn u mhux billi nġagħalhom bilfors jaċċettaw il-fehmiet tiegħi.  
INTERPERSONALI
17] Nuża strateġiji varji biex insaħħaħ l-argumenti tiegħi bħal lingwaġġ xieraq u ġesti li jispiraw fiduċja u koperazzjoni fost il-kelliema biex tassew joħorġu l-fehmiet differenti bla biża’ u b’mod kostruttiv. 
 KONJITTIVA 
18] Fi kliemi nuri rispett lejn il-kelliema l-oħra meta niddiskutu temi attwali li jqanqlu dibattitu qawwi minħabba l-opinjonijiet diversi u kunfliġġenti li jista’ jkun hemm fejn jien nibqa’ produttiv u kalm bla ma nintilef fis-saħna tal-argumentazzjoni.
 IL-KOMUNIKAZZJONI GĦAD-DIVERSITA'
19] Niddiskuti temi ta' natura lingwistika fil-kuntest Malti, imgħoddi u preżenti,  bħal kemm tista' żżomm il-Malti safi bla indħil ta' kliem barrani, l-identità Maltija fir-realtà Ewropea u dinjija li qed issir multilingwi f'dinja li qed tiċkien u tavvanza tekonoloġikament kuljum, il-ħtiġijiet lingwistiċi futuri fid-dinja tax-xogħol u l-istudju.
20] Niddiskuti, nanalizza u napprezza d-djaletti differenti tal-Malti li nużaw bejnietna fit-taħdit ta' kuljum, liema djaletti jagħnu l-Malti biex jaqdina aħjar bħala lsien nattiv.




L-Aspett tas-Suġġett: Is-smigħ

1] Naqbad punti speċifiċi u dettalji kif ukoll espressjonijiet idjomatiċi iktar kumplessi fi djalogu, diskursata, intervista, taħdita formali, rakkont awtobijografiku jew dibattitu, u l-bqija.   
2] Niddistingwi bejn ton u ieħor, nifhem is-sarkażmu u l-ironija, u ninnota l-effett immedjat tagħhom fuq is-semmiegħa.
3] Nifhem meta jkellmuni u jużaw lingwaġġ figurattiv.
4] Nisma' b'attenzjoni u nifhem siltiet fattwali u fittizji, bħal diskorsi, dokumentarji, rapporti b'ċifri, dejta u statistika; inwieġeb mistoqsijiet, diretti, inferenzjali u miftuħa, kemm bil-fomm kif ukoll bil-kitba fuqhom; nevalwahom u ngħaddi l-ġudizzju tiegħi fuqhom billi nqabbilhom mal-esperjenzi tiegħi. 
 IT-TAGĦLIM KONJITTIV
5] Nagħraf il-ġeneru tat-taħdit li qed nisma', nislet il-fatti mill-opinjonijiet u nevalwahom skont iż-żmien, il-post u l-kuntest soċjali li fih ingħadu. 
 IT-TAGĦLIM KONJITTIV 
6] Nisma' u nifhem testi b'reġistri differenti tal-Malti fosthom tal-Matematika, il-Fiżika, il-Kimika, il-Bijoloġija, il-Ġeografija, l-Istudji Soċjali, l-Istorja, ir-Reliġjon, it-Teknoloġija tal-Informatika, ix-Xjenza Domestika, l-Arti, l-Edukazzjoni Fiżika u d-Disinn Teknoloġiku, l-Istudju fuq l-Iżvilupp Personali, id-Drama, l-Arti Espressiva u s-suġġetti vokazzjonali.
7] Nifhem il-vokabularju magħżul apposta f'istruzzjonijiet użati f'sitwazzjonijiet li ma niltaqax magħhom fil-ħajja tiegħi ta' kuljum.
8] Nifhem direzzjonijiet dwar postijiet li jien midħla tagħhom jew m'iniex, inħaddem il-memorja awditorja, infassal xi mistoqsijiet biex nitlob iżjed dettall dwar dak li qed nisma' u nerġa' nagħti d-direzzjonijiet fi kliemi.
9] Nisma' u nsegwi l-kontenut u nifhem l-għanijiet ta' avviżi u twissijiet, imwassla bil-fomm jew b'mezzi oħra tax-xandir, anke ta' dawk li ma niltaqax magħhom fil-ħajja ta' kuljum.
10] Nisma', insegwi u nifhem sensiela ta' rapporti, taħditiet u aħbarijiet differenti; nagħti fatti u dettalji wara li ninterpreta u nevalwa dak li nkun smajt, fosthom il-messaġġi indiretti li jkunu qegħdin iwasslu bħal f'servizz televiżiv jew intervista.
11] Insegwi, nifhem, nislet u nimmemorizza dettalji importanti filwaqt li nevalwa u ninterpreta fi kliemi reklami ta' ġeneri differenti u li m'iniex midħla tas-suġġett tagħhom.
  KONJITTIV



L-Aspett tas-Suġġett: Il-Qari 

1] Jien u naqra testi fittizji u fattwali, narrattivi, deskrittivi, spjegattivi u argumentattivi, nidentifika u nifhem il-ġrajjiet u/jew aspetti ewlenin u nagħżilhom mill-ġrajjiet/aspetti sekondarji u trivjali. 
2] Jien u naqra test, nagħraf jekk neħtieġx nieħu r-rakkont, it-tema jew l-argument tiegħu b’mod litterali, inkella neħtieġx naqra bejn il-linji, nara l-messaġġi impliċiti, u jekk ikun meħtieġ, nirriċerka fuq is-suġġett f’sorsi oħra. 
3] Nagħraf li ħafna testi jistgħu jaqdu funzjonijiet differenti u ma jinkitbux għal skop wieħed, u għalhekk it-testi li naqra rrid inħares lejhom minn perspettivi differenti; nifforma opinjoni fuq it-testi li naqra, nesprimiha u niddiskutiha; nagħraf jekk u meta l-kittieb ikun oġġettiv jew le; nagħraf il-messaġġi espliċiti u impliċiti tagħhom; inqis lili nnifsi daqslikieku l-awtur u nistħajjel kieku jien kif inġib ruħi jew nesprimi ruħi; nagħżel bejn tonijiet differenti, ngħidu aħna, litterali, ironiku, didattiku, u sarkastiku, u l-bqija.
4] Nagħraf u niddeċiedi meta neħtieġ naqra l-punti ewlenin biss jew inkella wkoll il-punti sekondarji u l-punti mhux daqshekk importanti, u nagħraf u niddeċiedi meta neħtieġ inkun naf id-dettalji u/jew il-ħjiel kollha, jew inkella nista’ ngħaddi biss bl-informazzjoni bażika jew elementari. 
5] Meta naqra testi argumentattivi jew li jesprimu fehma jew opinjoni, ngħidu aħna, testi soċjali jew politiċi, nagħraf li dawn it-testi jkunu qegħdin jippreżentaw perspettiva partikolari li mhux bilfors tkun imparzjali, oġġettiva u rriċerkata; u għalhekk irrid niżen l-argumenti, nara jekk humiex sostnuti b’evidenza jew riċerka u nifforma l-fehma tiegħi fuq it-test mill-istħarriġ li nagħmel, mhux biss minn dak li naqra.
6] Naqra u nifhem testi b'reġistri differenti tal-Malti fosthom tal-Matematika, il-Fiżika, il-Kimika, il-Bijoloġija, il-Ġeografija, l-Istudji Soċjali, l-Istorja, ir-Reliġjon, it-Teknoloġija tal-Informatika, ix-Xjenza Domestika, l-Arti, l-Edukazzjoni Fiżika u d-Disinn Teknoloġiku, l-Istudju fuq l-Iżvilupp Personali, id-Drama, l-Arti Espressiva u s-suġġetti vokazzjonali.
7] Bħala qarrej ta’ ċerta esperjenza, nagħraf reġistri differenti tal-lingwa u modi differenti ta’ preżentazzjoni tal-fatti, il-ħsibijiet u s-sentimenti; u għalhekk mil-lingwa użata fil-kitba u mill-preżentazzjoni tagħha, nagħraf l-għan tal-kitba, ngħidu aħna, hijiex kitba għall-gost, informattiva, deskrittiva, narrattiva, argumentattiva, spjegattiva, didattika, misħajla, fattwali, u l-bqija; u hekk dak li naqra nagħraf napplikah fil-ħajja ta’ kuljum tiegħi.
8] Jien u naqra nuża modi differenti ta’ qari skont għal xiex inkun qiegħed naqra, iż-żmien li jkolli disponibbli, il-ħeffa tiegħi fil-qari u l-ħakma tiegħi tal-lingwa, ngħidu aħna, skimmjar ta’ test biex nieħu l-fil tiegħu jew l-impressjoni ġenerali; skennjar biex nidentifika informazzjoni partikolari; inkella qari fil-fond biex nifhem kull kelma u ma jaħrabli l-ebda dettall jew ħjiel, u l-bqija.
9] Dak li naqra nkun kapaċi nagħmel taqsira tiegħu skont għal xiex inkun qrajtu, l-interessi u l-ħtiġijiet tiegħi. 
10] Ninqeda sew b’dizzjunarji, teżawri, glossarji u enċiklopediji kemm mitbugħa kif ukoll diġitali biex infittex il-kliem li ma nkunx naf xi jfisser, fost oħrajn, kliem tekniku ta’ reġistri differenti, billi nfittex skont l-ordni alfabetiku, l-għerq jew iz-zokk morfemiku, il-forma tal-verb jew nom, l-etimoloġija, u l-bqija; billi nagħraf il-prefissi u s-suffissi u nneħħihom mill-kliem biex infittex xi jfisser; billi nsegwi l-abbrevjazzjonijiet u l-għajnuniet mogħtija fl-istess testi, u billi nqis kull tagħrif ieħor li jagħtu testi ta’ din ix-xorta.
 IT-TAGĦLIM PERSONALI 



L-Aspett tas-Suġġett: Il-Kitba 

1] Nikteb rapporti ta' bejn 70 u 100 kelma kemm fuq ġrajjiet u avvenimenti li seħħew kif ukoll fuq oħrajn ipotetiċi.
2] Nikteb avviżi ta' bejn 70 u 100 kelma li jkollhom slowgans marbutin magħhom.
 PRATTIKA
3] Nikteb ittri elettroniċi u postali formali ta' bejn 70 u 100 kelma.
  IL-KOMUNIKAZZJONI
4] Nikteb rakkonti fittizji, bħal dawk bi sfond storiku, polizjesk, marittimu, u l-bqija, ta' bejn 300 u 350 kelma li jkun fihom karattri, ġrajjiet, postijiet u ambjenti.
5] Nikteb testi fuq temi kurrenti ta' bejn 300 u 350 kelma wara li nkun għamilt riċerka fuqhom.
 PERSONALI
6] Nikteb kitbiet argumentattivi ta' bejn 300 u 350 kelma bbażati fuq informazzjoni riċerkata minn qabel u nagħti l-fehmiet u l-pożizzjoni personali tiegħi fuqhom.
 IT-TAGĦLIM SOĊJALI
7] Nikteb kitbiet espożitorji ta' bejn 300 u 350 kelma bbażati fuq informazzjoni riċerkata minn qabel u nagħti l-fehmiet u l-pożizzjoni personali tiegħi fuqhom.
  IT-TAGĦLIM SOĊJALI
8] Nieħu ħsieb li nikteb jew nittajpja kitbieti b'Malti ħieles mill-iżbalji tas-sintassi, tal-morfoloġija u l-grammatika, tal-ortografija u tal-punteġġjatura u nippreżentahom ċari u puliti.
  L-UŻU TAL-MIDJA DIĠITALI
9] Ninqeda bil-mezzi teknoloġiċi moderni biex nippreżenta kitbieti b'tipi tal-Malti bħal meta nikteb ittra elettronika, nippreżenta proġett u l-bqija.
  IL-KOMUNIKAZZJONI



L-Aspett tas-Suġġett: Il-Letteratura

1] Nagħmel, bil-kitba u/jew bil-fomm, riflessjonijiet, analiżi, ġudizzji u kummenti letterarji kemm fuq testi studjati minn qabel kif ukoll fuq oħrajn li qatt ma nkun iltqajt magħhom filwaqt li nsostni kliemi u/jew kitbieti bi kwotazzjonijiet u/jew referenzi mill-istess testi. 
2] Nevalwa b’għajnejn kritiċi, bil-fomm u/jew bil-kitba, ix-xebh u/jew id-differenzi bejn għadd ta' testi ta' ġeneri differenti, studjati minn qabel jew le, inxebbah l-ideat jew l-argumenti tagħhom, inqis l-udjenza, il-kuntest soċjali u storiku li fih inkitbu.  
3] Insegwi u nifhem kanzunetti Maltin ta' stili u ġeneri differenti, nifhem il-lingwaġġ figurattiv tagħhom, ninnota l-karatteristiċi li jsawruh u ninterpreta l-effett tagħhom fuqi u fuq l-ambjent ta' madwari filwaqt li nislet kwotazzjonijiet li laqtuni mis-smigħ tagħhom. 
 IL-BIDLA SOĊJALI
4] Niddistingwi u nifhem tonijiet, vuċijiet, ritmi u ġesti (bħal dawk ferriħija, imnikkta, nostalġiċi, misterjużi, ironiċi, sarkastiċi, iperboliċi, u l-bqija) ta' firxa ta' testi letterarji u napprezza l-effett tagħhom fil-kuntest tat-test u fuqi.
5] Nagħraf u nifhem kif jitħaddmu f'testi letterarji l-mudelli tal-ħoss bħall-alliterazzjoni, il-metru (regulari u/jew ħieles), l-onomatopea, l-eliżjoni, ir-rima (imbewsa/alternata/interna/ħielsa), it-ton, u napprezza l-effett tagħhom fil-kuntest tat-test u fuqi.
6] Nagħraf u nifhem kif jitħaddmu f'testi letterarji l-lingwaġġ figurattiv bħall-metafora (għarfien ta' dik ċentrali), il-personifikazzjoni, is-sineddoke, u s-similitudini, u l-mudelli rettoriċi bħar-repetizzjoni, l-anafora, l-apostrofi, l-iperbole, l-ironija, il-mistoqsija rettorika, is-sarkażmu, u napprezza l-effett tagħhom fil-kuntest tat-test u fuqi.
7] Nagħraf u nifhem kif jitħaddmu f'testi letterarji aspetti strutturali bħall-asindeto, il-polisindeto, iċ-ċesura, l-enjambment, l-indenzjoni, il-paralleliżmu, l-istrofa, ir-reġistru partikulari u napprezza l-effett tagħhom fil-kuntest tat-test u fuqi.
8] Meta nikteb jew nitkellem fuq testi letterarji, ninqeda  b'referenzi u kwotazzjonijiet minnhom biex insaħħaħ ir-riflessjonijiet, l-analiżi, l-opinjoni u/jew il-ġudizzji tiegħi fuqhom.
  NITGĦALLEM INKUN JIEN
9] Nitkellem u/jew nikteb fuq test letterarju billi nuża t-terminoloġija addattata marbuta mal-forma, l-istruttura u l-kontenut, u kif din l-għodda titħaddem mill-poeta/l-awtur biex jintlaħqu l-effetti mixtieqa u niġġudika jekk dawn intlaħqux. 
10] Nanalizza bil-fomm u/jew bil-kitba l-iżvilupp tal-karattri, il-ġrajja, l-udjenza, il-motiv, l-ambjent, l-istil u t-tema ta' testi letterarji u nagħti l-interpretazzjoni personali tiegħi fuqhom wara li nkun qist l-interpretazzjonijiet tal-oħrajn. 
11] Nieħu n-noti meħtieġa u ewlenin biex nibni fuqhom l-analiżi tiegħi ta' test letterarju, kemm bil-fomm kif ukoll bil-kitba.
12] Nikklassifika testi letterarji skont temi universali bħall-imħabba, l-ambjent, l-identità, u l-bqija. 



L-Aspett tas-Suġġett: Il-Metalingwa 

Il-konsonanti:
1] Naf meta l-konsonanti likwidi m/l jistgħu joqogħdu mingħajr vokali bħal f'iġmla, jilmħu, rahomlha, tahomlha.
2] Naf kif il-konsonanti likwidi jistgħu joqogħdu bejn żewġ konsonanti jekk waħda minnhom tkun  jew h bħal f'ehmżu, agħrfu, negħlbu, fehmti.
Il-vokali:
3] Naf meta għandi ndaħħal il-konsonanti j/w meta jkun hemm il-vokali i/u quddiem vokali oħra fil-kelma bħal f'duwa, zija.
L-artiklu:
4] Naf li xi ismijiet propji barranin li jieħdu l-vokali tal-leħen fuq quddiem jibqgħu jinkitbu b'ittra kbira filwaqt li l-vokali tinkiteb żgħira. Dawn jistgħu jkunu ismijiet ta' prodotti, ditti jew ismijiet xjentifiċi bħal l-iSprite, l-iStegosaurus, u l-bqija.
5] Naf li l-artiklu jassimila u jinkiteb skont il-fonetika Maltija meta jaħbat quddiem nom li jinkiteb bil-lingwa oriġinali barranija bħalngħidu aħna, ix-Ship Building, is-CID, u l-bqija.
Il-partiċelli:
6] Naf nuża tajjeb fil-kitba tas-sentenzi l-avverbji li juru twettiq u dubju bħal tajjeb, għandu mnejn, u l-bqija.
Iz-zokk morfemiku:
7] Naf li xi kliem barrani li fil-lingwa oriġinali kellu l-istess zokk morfemiku, fil-Malti jista' jkollu zkuk differenti skont il-fonetika tagħhom bħal magna/makkinarju; inkwadra/inkwatru/kwadrat; prietka, predikatur, u l-bqija.
8] Naf li xi verbi li daħlu fil-Malti, speċjalment dawk ġejjin mill-Ingliż, jinbnew billi jirduppjaw l-ewwel konsonanti taz-zokk morfemiku u jżidu l-quddiem is-suffiss tat-temp bħal nipparkjaw, iffilmjajt, nipprintjaw.
Il-forom tal-verb Semitiku:
9] Naf kif jitnisslu verbi tas-7/8, id-9 u l-10 forma u napprezza t-tifsiriet semantiċi differenti li jistgħu jwasslu bħal II-pulizija qabad lill-ħalliel li nqabad jisraq; Huma laqgħu lil sħabhom l-ajruport u wara ltaqgħu mal-familja kollha d-dar; Il-kap tal-iskola stieden lill-istudenti biex jipparteċipaw aktar.
Il-partiċipju:
10] Naf kif nibni u nħaddem, skont funzjonijiet differenti, il-partiċipju attiv u passiv tal-verbi Semitiċi u barranin bħal Ir-rieqed jinsab rieqed fl-għar; Max ir-rieqed; Kristu msallab, l-imsallab/il-mislub.
It-tempijiet komposti
11] Naf inħaddem it-tempijiet komposti fl-Imperfett  bl-użu ta' kliem bħal qiegħed, kont, inkun bħal f'qiegħed naqra, kont naqra, tkun taqra.
In-nomi:
12] Naf kif jitnisslu nomi li juru post, żmien, għodda u ġemgħa meta dawn isiru minn verbi Semitiċi bil-preformattiva 'm' (in-nom mimmat) bħal mitħna, mqass, Milied, mixtla, kif ukoll oħrajn minn kliem barrani, speċjalment mir-Rumanz bħal ġelaterija, pizzerija, piraterija, librerija, pastizzerija, stamperija, u l-bqija.
13] Naf kif jitnisslu nomi astratti minn nomi, verbi jew aġġettivi li ġejjin kemm mis-Semitiku kif ukoll minn lingwi barranin bħal abjad-bjuda; sabiħ-sbuħija; immaġni-immaġinazzjoni; jobgħod-mibegħda; spjega-spjegazzjoni; ikkonsulta-konsultazzjoni; perfett-perfezzjoni, u l-bqija.
L-għadd tan-nomi
14] Naf li hemm xi nomi li jagħmlu l-plural tal-plural bħal tarf-truf-trufijiet; darba-drabi-drabijiet;elf-eluf-elufijiet, u l-bqija.
L-affissazzjoni:
15] Naf li hemm xi prefissi li ma jingħaqdux mal-kelma bħal Aġent President, viċi sindku, u l-bqija, filwaqt li hemm oħrajn li għax indraw ma jinfirdux bħal primadonna, u l-bqija.
 NITGĦALLEM NGĦIX MA' ĦADDIEĦOR
16] Naf kif ngħaqqad u nikteb prefiss ma' prefiss ieħor quddiem xi kliem bħal bużbużnannu, pitpitgħada, postpost-Moderniżmu, u l-bqija.



Il-Kisba mit-Tagħlim tas-Suġġett: English Version of the Maltese subject 

L-Aspett tas-Suġġett:

The English Version of the Maltese subject is still being translated




Agħti r-rispons tiegħek hawn